salta al contenuto della pagina

home > Liguria għall Merħba

Liguria għall Merħba

Fl-imgħoddi, il-programm magħruf bħala "tour in Italia" kien jagħmel parti mill-edukazzjoni taż-żgħażagħ li kienu jmorru jżuru l-Italja biex itemmu l-kors tà l-istudji tagħhom. Fl-istess ħin, il-programm kien jipprovdihom bl-opportunità biex isiru jafu u japprezzaw is-sbuħijiet tad-diversi reġjuni Taljani.
Waħda mid-destinazzjonijiet ta´ dan il-programm kienet il-Ligurja, magħrufa għall-klima tagħha u l-pajesaġġi mill-isbaħ li dan ir-reġjun joffri lil dawk li jmorru jżuruh.
Illum, bħal dari, biżżejjed wieħed joħroġ jimraħ madwar l-irħula u l-ibliet tar-reġjun biex jiskopri monumenti li jitfaċċaw bla mistenni - monumenti li jaffaxxinawk bi sbuħithom u bil-mod kif jintegraw mal-pajesaġġ. Faċilment issib ruħek wicc imb´wicc ma´ trattoriji u restoranti fejn ikun qed jistenniek tisjir mill-itjeb imnebbaħ mit-tradizzjonijiet tal-Ligurja, miżmuma ħajja b´mod appassjonat. Il-Ligurja toffri iżjed minn hekk: festi reliġjużi u manifestazzjonijiet turistiċi, kulturali u sportivi li, aktar iva milli le, jittellgħu bil-baħar mill-isbaħ fl-isfond.
Però, dawn is-sbuħijiet u t-tradizzjonijiet kollha huma mħarsa b´mod xieraq permezz ta´ valorizzazzjoni sħiħa tat-territorju u l-ħarsien ta´ l-ambjent - pulitka li r-Reġjun tal-Ligurja dejjem mexa biha u li wieħed jista´ jifhem aħjar jekk jitlaq għal "vjaġġ virtwali" fis-sit tar-Reġjun fuq l-internet.
Waqt dan il-vjaġġ tiskopri kif, mhux biss f´dawn l-oqsma imma wkoll fil-qasam tal-wirt kulturali, l-awtoritajiet amministrattivi jikkordinaw u jippromwovu interventi, anki ma´ sħab li huma membri oħra ta´ l-Unjoni Ewropea, biex dejjem jippruvaw joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp ekonomiku, b´mod partikolari fl-oqsma tat-teknoloġija u x-xogħol.
Is-sbuħijiet naturali u l-wirt kulturali għandhom bżonn min jieħu ħsiebhom u jipprovdilhom il-manutenzjoni u, min-naħa tagħhom, dawn in-nies għandhom jiġu pprovduti b´ħarsien fis-setturi tas-sigurtà, is-saħħa u l-kwalità ta´ ħajja, setturi oħra li fihom ir-Reġjun għandu rwol attiv fil-kordinament u l-ħarsien tagħhom.
Il-Ligurja tara l-ġejjieni tagħha pproġettat lejn l-Ewropa u għal din ir-raġuni ddedikat post speċifiku jismu CasaLiguria biex fih jittellgħu l-attivitajiet tar-Reġjun fi Brusell. Hawn wieħed isib it-tagħrif dwar il-kalendarju ta´ l-avvenimenti mqassam skond ordni tematiku, u aħbarijiet mill-Ewropa; hawn tista´ tiltaqa´ wkoll ma´ opportunitajiet biex issib ma´ min tissieħeb għal ħidma fuq xi programm Ewropew u s-setturi finanzjati.